SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA

L-Onorevoli Rebecca Buttigieg bħalissa qiegħda sservi bħala Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi. Buttigieg gradwata b’B.A. fir-Relazzjonijiet Internazzjonali mill-Università ta’ Malta kif ukoll M.Sc fil-Kriminalità Globali, Ġustizzja u Sigurtà mill-Università ta’ Edinburgh.

L-Onor. Buttigieg bdiet il-karriera tagħha fl-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran fejn aktar tard kisbet esperjenza barra minn Malta bil-ħidma tagħha bħala Policy Officer fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fl-2017 bdiet taħdem bħala Kelliema għall-Ministeru għall-Ekonomija u dan l-aħħar għall-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.

Hija kkontestat l-Elezzjoni Ġenerali għall-ewwel darba fl-2022 u sussegwentement ġiet eletta fil-Parlament.

Is-Sinjura Buttigieg hija miżżewġa lil Andrea.​